Novelli
Jum l-Elezzjoni

(mibnija fuq fatti li seħħew tassew)

Nhar l-elezzjoni ta’ sena minnhom kont assistent kummissjunarju elettorali f’kamra tal-votazzjoni fi skola ta’ lokal popolat. Did-darba kont ċermen.

In-nies bdiet ġejja bil-mod il-mod. Imbagħad daħlet mara u qaltilna li ma tafx tikteb. Jien għidtilha biex tistenna ftit sakemm jivvutaw it-tnejn min-nies li kienu għadhom fil-kamra. X’ħin lestew u tefgħu il-vot fil-kaxxa għalaqna l-bieb u tlabna lill-mara tpoġġi bilqiegħda.

Dehret xi ftit inkwetata. Seta’ kien, ħsibt jien, li fil-fatt hi kienet taf tikteb imma forsi beżgħet li n-numru wieħed ma tiktbux dritt jew inkella li toħroġ mill-kaxxa jew li l-erba’ tiktbu ma jingħarafx mis-seba’ u l-vot ma jkunx jgħodd.

X’ħin poġġiet bilqiegħda kellha ħamsa min-nies quddiemha: lili, tliet assistenti kummissjunarji jirrapreżentaw lit-tliett partiti politiċi u ieħor  jirrapreżenta lil kandidat li ħareġ indipendenti għax, kif kien spjega, ma riedx joħroġ mal-korrotti.

Ħarset lejna u qaltilna li xtaqet tagħmel mistoqsija. Jien għidtilha li tista’ u hi staqsiet: “Ir-raġel tiegħi ikun jaf lil min ivvutajt?” Kważi ħtafniha u għidnilha li da żgur li ma jkunx jaf. Suppost li kienet tafu dan daqs kemm-il darba avżaw fuq il-midja.

pic l-elezzjoni

Staqsejtha lil min trid tivvota u qaltilna lil Borg tal-Partit tal-Mitħna. Warajh lil Zammit tal-istess partit. Imbagħad lill-oħrajn basta tal-Mitħna biss. Ktibt in-numri kif xtaqet quddiem l-għajnejn attenti tal-assistenti kummissjonarji l-oħra. Wara dan insistejt li trid tkun hi li tgħidli kif se nkompli u qalti: “Mela komplihom minn fuq għal-isfel”. U hekk għamilt. Twejt il-vot u tajtu lill-mara biex titfgħu fil-kaxxa.

Ftaħna l-bieb u minnufiħ daħal raġel u dan ukoll qalilna li ma jafx jikteb. Kellna nerġgħu nagħlqu l-bieb u nirrepetu l-proċedura. Lir-raġel li kellu istess kunjom bħall-mara ta’ qablu tlabnieh jgħidilna lil min ried jivvota. Dan pront wieġeb: “Lill-istess partit tal-mara tiegħi, dik li għadha kif ħarġet.” Naturalment kelli ngħidlu li hu jrid isemmi partit u ma jistax jesprimi ruħu b’dak il-mod. Deher rassenjat u qalilna: “L-ewwel lil Camilleri tal-partit tar-Raddiena, imbagħad lill-avukat Pace.” Kompla u wieħed wara l-ieħor semma’ lill-kandidati kollha tal-partit tar-Raddiena.

Meta ħareġ sibna li kienu nġemgħu xi ftit tan-nies iżda dawn malajr ivvutaw għaliex kollha kemm huma kienu jafu jiktbu. Il-proċess tal-votazzjoni hu wieħed xi ftit kumpless. In-naħa ta’ wara ta’ kull vot trid tiġi ittimbrata minn kull assistent kummissjunarju li  jirrappreżenta lil xi partit. Fuq it-timbru irid ikun hemm il-firma tal-assistent jew assistenta kummissjunarja tal-istess partit. Dwar il-voti nfushom dawk mħassra iridu jitqiegħu għalihom u fl-aħħar tal-votazzjoni it-total tal-voti mitfugħa ma dawk tal-voti mhux użati u ma dawk imħassra irid jaqbel perfettament man-numru tal-voti li tkun ingħatajt eżatt qabel ma jkunu nfetħu l-bibien tal-post tal-votazzjoni. Jekk le … il-Bambin biss jaf f’liema nkwiet tiġi.

Intant barra kultant bdejna nisimgħu xi għajjat. Dan isir meta per eżempju jasal xi membru mportanti ta’ xi partit mill-kbar u xi partitarji jinfexxu jċapċpu. Jew inkella xi ħadd li jkun fil-kju mal-ħajt tal-iskola taqbiżlu ċ-ċinga u jibda’ jgħajjat biex minn hemm ġewwa jħaffef daqsxejn. Iżda, barra xi għajta ‘l hawn u ‘l hemm il-votazzjoni mxiet b’mod sodisfaċenti.

Kmieni wara nofsinhar smajna ftit taċ-ċaqlieq barra l-bieb u l-pulizija li kien għassa beda jħoll il-firrolli biex jiftaħ il-bieba l-magħluqa tal-kamra. Erbat-irġiel daħlu jerfgħu mara minduda fuq streċer. Ħdejhom żewġha kollu eċitat kien qed jgħid lil kulħadd biex joqgħodu attenti u ma jċaqalquhiex ħafna u ma jolqtuhiex għax ftit jiem biss qabel kienet għamlet operazzjoni f’darha.

Il-mara ddaħlet fil-kamra. Jien stennejt liż-żewġ persuni li kienu qed jivvutaw biex jitfgħu il-vot tagħhom u sadattant spjegajt lill-irġiel li sabiex il-mara tivvota trid tkun weħidha u huma jridu jistennew barra. L-erba’ rġiel niżżlu lill-mara mal-art u żewġgħa deher mifxul għall-aħħar imma kollha ħarġu mill-kamra mingħajr diskors. Jien inżilt arkubtejja ħdejn il-mara u staqsejtha lil min riedet tivvota. Semmietli lil avukat Pace b’leħen fraġli u qaltli biex inkompli fuq il-partit tar-Raddiena. Jien ħaffift u wara Pace ivvutajt għall-oħrajn kollha tar-Raddiena. Urejt il-vot lill-assistenti kummissjunarji kollha u lkoll qbilna bil-ħars tagħna li m’għandiex għalfejn naħlu ħin.

Għadda l-ħin u fl-intervalli meta ma kellna lil ħadd stajna nieklu xi biċċa ħobż u nixorbu dak li ġibna magħna mid-dar.  Kien hemm diversi oħrajn li talbuna nimlew il-vot tagħhom. Fosthom kien hemm raġel anzjan ħafna. Mara li kienet miegħu wasslitu sal-bieb u f’widnejh bdiet tirrepetilu isem ta’ kandidat. Kulħadd semagħha tirrepeti, tirrepeti u tirrepeti dan l-isem.

“Dan ma jafx jikteb” qaltilna u baqgħet fil-bieb sakemm għalaqnieh. L-anzjan qagħad bilqiegħda u jien staqsejtu lil min irid jivvota. Baqa’ xi minuta u nofs iħares ċass lejna. Imbagħad lissen żewġ vokali mill-isem li konna diġa nafu, li biex tgħaxxaqha kellu żewġ kunjomijiet. Ktibt in-numru wieħed u komplejt minn fuq għal isfel fost l–approvazzjoni tal-assistenta kummissjonarja tal-partit konċernat. Twejt il-vot u għintu jitfgħu fil-kaxxa.

Bil-mod il-mod għadda l-ħin twil tal-elezzjoni.

L-għada meta qomt wara dik il-ġurnata twila sirt naf mit-televiżjoni li kienu vvutaw 97 fil-mija tal-votanti eliġibbli. Ma skantajtx. Darba, kif nismagħhom jgħidu, kienu vvutaw anki l-mejtin.


Emmanuel Attard Cassar
2010


paġna tal-bidu
Dwari
About Me
Su di me
Kitbiet
Writings
Scritti
Tpinġija
Paintings
Pittura
Junior CollegeXjenza u Matematika
Science and Maths
Scienza e Matematica
Ritratti
Photos
Foto
Aktar
Other
Altro