S t e j j e r   g ħ a t - T f a l
It-Tazza
Iż-Żewġ Mikrofoni

It-Tazza

Darba waħda kien hemm tazza tal-ħġieġ ġewwa ħanut. Tgħidx kemm kienet sabiħa u kemm kienet tleqq. Din it-tazza kien jisimha Tina. Kienet tieħu gost fil-ħanut għax kienet tara nies differenti deħlin u ħerġin. glass

Darba daħlet waħda mara u lil tal-ħanut staqsietu għal tazza għat-tifel tagħha. Mela dil-mara ħarset lejn Tina u qalet lil tal-ħanut: “Sabiħa dik it-tazza imma mhux tajba għat-tifel tiegħi daqs kemm hu mqareb. Kieku malajr ikissirha.” Tal-ħanut qalilha li f’dak il-kas aħjar tieħu tazza tal-plastik. Ġabilha ftit u għażlet waħda li kellha stampata fuqha l-arma tal-Manchester United għaliex naturalment ma’ dan it-tim kien iżomm it-tifel tagħha.

Darba oħra daħal raġel li kellu ristorant u ried tazza għax-xampanja. Ħares lejn Tina u qal lil tal-ħanut: “Sabiħa dik it-tazza imma dik mhux tazza tax-xampanja kif irrid jien.” U Tina baqgħet tistenna. Darb’oħra daħlet mara li kellha sett tazzi u nkisritilha waħda minnhom. Din riedet tazza eżatt bħal tas-sett. Ħarset lejn Tina u qalet lil tal-ħanut “sabiħa dik it-tazza imma dik mhux bħal tas-sett”.U Tina baqgħet tistenna. Ieħor darba ried tazza tawwalija imma Tina kienet iqsar milli ried dan ir-raġel. U Tina baqgħet tistenna.  

Imma kif jgħidu “Min jistenna jithenna” għax darba minnhom daħal raġel li xtaq tazza sabiħa għax qal li ġej iżuru ħabib tal-qalb u xtaq joffrilu l-inbid f’tazza sabiħa. Tal-ħanut urieh lil Tina u kif raha qallu mill-ewwel “Għoġbitni, noħodha, kemm tiswa jekk jogħġbok.” Kemm ferħet Tina! Saflaħħar kien xtraha xi ħadd.

Tal-ħanut qiegħed lil Tina ġo kaxxa pulita. F’din il-kaxxa kien hemm ħafna biċċiet tal-kartun imqatta’ żgħir biex Tina ma tirromblax min-naħa għall-oħra. Imma Tina ma tantx ħadet gost fil-kaxxa. L-ewwel nett bdiet tara dlam biss u t-tieni nett dawk il-biċċiet tal-kartun bdew idejquha. “Paċenzja”, ħasbet Tina, “nistenna sakemm dan is-sinjur jeħodni d-dar”.

Kif wasal id-dar ir-raġel wera t-tazza lill-mara tiegħu. “Proset x’tazza xtrajt kemm hi sabiħa” qaltlu. “Taf x’se nagħmel hux? Se nagħtiha ħasla kif imiss!” Il-mara tefatgħa taħt il-vit fis-sink, tefgħat fuqha ftit sapun u għorkita waħda sewwa bl-isponża tal-ħasil. Wara r-raġel qalilha “issa ħa nixxuttaha jien”. Kif lesta Tina tant ħassitha friska u nadifa.

Wara ftit ġiet mill-kamra tagħha tifla ta’ xi ħames snin jisimha Grace u qalet lil ommha “Ma kemm hi sabiħa dik it-tazza, nista’ nżommha ftit f’idi”. Imma ommha qaltilha le. “Grace ruħi jekk twaqqaħha tinkiser. Għada ġej is-Sur Farrugia għall-ikel u se jużaha hu biex jixrob l-inbid minnha.” Grace baqgħet tħares lejn Tina imbagħad staqsiet lil ommha “Nista’ nużaha jien meta nikber u meta ma jkunx hawn is-Sur Farrugia?” “Da żgur li tista’” qaltilha ommha.

Tina tant ħadet grazzja ma’ Grace li bdiet tixtieq li jagħtuha lilha waqt l-ikel u mhux lis-Sur Farrugia. L-għada meta ġie s-Sur Farrugia mill-ewwel qegħdulu lil Tina quddiemu u r-raġel imlihielu bl-inbid. Is-Sur Farrugia jidher li kien iħobbu ħafna l-inbid u mill-ewwel beda jixrob.

Mela das-Sur Farrugia kellu l-mustaċċi u meta beda jixrob Tina bdiet tħossha qed tingħarax bil-mustaċċi twal li kellu. Bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha “Aħjar qed tixrob minni Grace milli s-Sur Farrugia.”

F’ħin minnhom is-Sur Farrugia qal lir-raġel: “Kemm hi sabiħa dit-tazza”. Ir-raġel qallu mill-ewwel “Sur Farrugia, wara l-ikel tista’ teħodha. Tkun rigal minghandi u mingħand il-familja tiegħi”. Tina għamlet il-geddum. Riedet toqgħod f’dik id-dar ma’ Grace mela tmur mas-Sur Farrugia biex joqgħod idejjaqha b’dawk il-mustaċċi koroh li kellu.

Is-Sur Farrugia qal lir-raġel “Grazzi imma t-tazza mhux se neħodha. L-ewwel nett diġa tajtuni rigal meta stedintuni niġi niekol għandkom u t-tieni jekk neħodha d-dar dik it-tazza jkissruhieli il-ħafna qtates li għandi għax kull ma jaraw iridu jilgħabu bih.”

Tina kienet ferħana li se tibqa’ f’dik id-dar ma’ Grace. U hekk ġara. Meta Grace kibret u kellha xi 8 snin ommha u missierha tawha permess li tista’ tuża lil Tina. Grace kienet tuża lil Tina filgħodu biex tixrob il-ħalib, wara l-iskola biex tieħu l-orange juice u filgħaxija biex tixrob tazza ilma.

U b’hekk Grace u Tina tgħidx kemm kienu kuntenti.
 

Iż-Żewġ Mikrofoni

Mela darba kien hemm zewġ mikrofoni. Kien jisimhom James u Steve. Kienu veru differenti minn xulxin. James kien dejjem jeqred u Steve dejjem jiċċajta. Wieħed kien jara kollox ikraħ u l-ieħor kollox sabiħ. Kienu joqgħodu f’teatru kbir zewg mikrofoniu meta jitlaq kulħadd huma kienu joqogħdu jpaċpċu.

James kien jilmenta li hu iwassal il-leħen tal-kantanti u lilu qatt ma jċapċpulu. Dejjem iċapċpu biss lill-kantanti. Steve kien jgħidlu biex ma jieħux għalih u ma jġibx id-dinja fit-tarf. Steve minflok kien jgħidlu kemm ħa gost bil-muzika u kemm kienet faqa. James kien jgħidlu li l-kantanti jieħdu ħafna flus u lilhom qatt ma jtuhom xejn. Steve kien jidħaq u jgħidlu: “U ħallina minnek. Ħares lejn in-nies. Dawk ħallsu ħafna flus biex semgħu lill-kantanti u aħna ma ħallasna xejn.”

Darba kellhom ikantaw “Amy and Tom” fit-teatru tagħhom. Amy kienet gustuza u ġentili imma Tom kien goff u jkanta bl-għajjat. Minn qabel James beda jeqred u beda jgħid li hu kellu xortih ħazina u zgur se jinzerta lil Tom u jgħaddi l-kunċert il-ħin kollu jsemma dak il-leħen ikrah. Steve beda jiċċajta u jgħid li jekk ikollu li Tom ma jimpurtax jekk izarzar xi waħda imma ma’ Amy ried li joqgħod attent biex iwassal il-leħen ħelu tagħha.

Meta waslu Amy u Tom dawn ġabu l-mikrofoni tagħhom. James ħa għalih u Steve ħa pjaċir li se jieħu serata “off”. It-teatru kien ippakkjat u kulħadd ried jisma’ l-mużika speċjalment il-leħen ta’ Amy. Meta bdew ikantaw kulħadd beda jċapċap u James u Steve tħallew fil-ġenb tal-palk.

F’nofs is-serata il-mikrofonu tal-kantanta Amy beda jżarżar u Amy fil-pront staqsiet għal mikrofonu ieħor. Fil-pront wieħed li jaħdem fit-teatru qala lil James minn postu u tahulha. Amy kompliet tkanta u James ħareġ ta’ raġel għax tgħidx kemm wassal leħen Amy b’mod sabiħ. Kulħadd ħa pjaċir jismagħha u meta spiċċat tkanta l-aħħar kanzunetta hi qalet lill-pubbliku fit-teatru li imnalla kien għall-mikrofonu l-ġdid biex kulħadd seta jisma’ b’mod sabiħ il-leħen tagħha. Imbagħad hi talbet lil kulħadd biex jagħti ċapċipa lil dan il-mikrofonu. Kemm ħa pjaċir James! Din kienet l-akbar ġurnata ta’ ħajtu.

Tant kienet kuntenta Amy li talbet biex tixtri lil James biex tuzah flok il-mikrofonu li kellha li ma kienx għadu tajjeb. Steve għamel daqsxejn qalbu sewda li x-xorti ma messitx lilu. Beda jaħseb li issa lil Steve mhux se jarah aktar. Issa kien se jkollu ħabib ieħor biex jieħu post James.

U hekk ġara. James telaq ma’ Amy imma Steve malajr dara mal-mikrofonu l-ġdid. Kultant kien jaħseb fih u kien jgħid li issa mhux suppost li għadu jeqred għax qed imur fl-aqwa teatri tad-dinja u qed iwassal il-vuċi tant sabiħa ta’ Amy.

Mela għaddew xi sentejn u Amy u Tom reġgħu marru jkantaw fit-teatru ta’ Steve. Bħal ma’ kienu jagħmlu fl-antik James u Steve qagħdu jitkellmu u James qal lil Steve li kien għajja imur minn post għall-ieħor, kien għajja bil-pressjoni li kellu biex qatt ma jieħu żball u biex iwassal il-leħen ta’ Amy kif suppost. Kien jiddejjaq meta kienu jmorru f’xi post li tagħmel ħafna sħana, jew ħafna xita jew ħafna bard u kien jiddejjaq jivvjaġġa fit-tul.

Steve qallu biex jagħmel kuraġġ u qallu wkoll li fil-ħajja jaqbillek tkun ferħan u tikkuntenta b’li għandek u mhux dejjem tixtieq dak li m’għandekx għax l-aqwa ħaġa fil-ħajja ħuwa l-ferħ.

paġna tal-bidu
Dwari
About Me
Su di me
Kitbiet
Writings
Scritti
Tpinġija
Paintings
Pittura
Junior CollegeXjenza u Matematika
Science and Maths
Scienza e Matematica
Ritratti
Photos
Foto
Aktar
Other
Altro